F’pajjiż orjentali għex għoġol li kien jitlagħlu malajr u jaqbad ifajjar biż-żewġ fejn ġie ġie. Ommu, baqra bil-għaqal u mdorrija xxidd il-madmad, iddispjaċieha għall-mewt illi ngħatalha iben hekk vergonjuż. Biex tgħinu tatu parir. “Kull darba li tħoss it-tempra tiela’,” qaltlu, “aqbad dan il-martell u l-landa msiemer, u mur sammar musmar wieħed ma’ dik il-balluta f’nofs il-bur.” Binha għoġbitu l-idea, u hekk għamel. Kull darba li jħoss d-demm tiela’ għal rasu, jaqbad u jagħmel kif qaltlu t-twajba ommu. L-ewwel xahar sammar mas-sittin musmar, it-tieni xahar erbgħin, it-tielet xahar għoxrin. Beda jinnota illi eħfef għalih ma jirrabjax milli joqgħod jinqala’ biex isammar il-musmar. Difatti fir-raba’ xahar sammar ħames imsiemer biss. Billi fil-ħames xahar ma rrabja qatt, ommu ssuġġerietlu biex kull ġurnata li tgħaddi, jekk jibqa’ bla ma jirrabja, imur jaqla’ musmar wieħed. L-għoġol obda, u waslet dik il-ġurnata meta l-imsiemer qalagħhom kollha. Kollu eċċitat, l-għoġol sejjaħ lil ommu...