Skip to main content

Adottat minn Alla

“Irrid ngħid, illi sakemm idum iż-żmien li l-werriet għadu minorenni, mhu differenti xejn minn ilsir, għalkemm ikun il-padrun ta’ kollox, iżda hu taħt il-ħarsien ta’ indokraturi u fiduċjarji sad-data ffissata mill-missier. Hekk ukoll aħna, meta konna tfal, konna mjassrin taħt il-prinċipji elementari tad-dinja.Meta ġiet il-milja taż-żmien, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara, imwieled taħt il-liġi, sabiex jifdi ’l dawk taħt il-liġi, sabiex nirċievu l-adozzjoni bħala wlied. U għax intom ulied, Alla bagħat l-Ispirtu t’Ibnu fi qlubna, jgħajjat, ‘Abba! Missier!’ Għalhekk m’għadikx iżjed ilsir, iżda iben; u ladarba iben, werriet ukoll permezz t’Alla” (Galatin 4:1-7).

L-adozzjoni hi azzjoni li biha raġel jilqa’ lil xi ħadd fil-familja tiegħu, biex jagħmlu parti minnha. Jagħtih il-jedd u l-privileġġi kollha ta’ wliedu. Bint Faragħun adottat iċ-ċkejken Mosè, u Mordekaj għamel l-istess ma’ Ester. 

Teoloġikament, l-adozzjoni hi dak l-att divin li bih dawk li darba kienu aljenati minn Alla u għedewwa tiegħu, ħatja u falluti, issa huma magħmula wliedu, u saħansitra werrieta tal-glorja eterna. L-adozzjoni tagħna bħala wlied Alla hi aktar minn sempliċi titlu. Raġel jadotta bħala iben u eredi wieħed li ma jixbhu xejn, imma dawk kollha li l-Missier jilqa’ fi ħdanu bħala wliedu huma bħalu. Mhux biss għandhom ismu fuq ġbinhom, imma jġorru wkoll xbihetu. Mhijiex adozzjoni superfiċjali; Alla qed jifforma familja ta’ wlied illi fil-karattru diġà qed ikunu kkonformati mal-karattru ta’ Ibnu Ġesù.

Kemm hi dinjituża u elevata dil-barka! Immaġina…nissejħu wlied Alla, u mhux taparsi, iżda fir-realtà! Ulied Alla! Mhux qed nitkellmu dwar xi adozzjoni imperjali fil-familja ta’ Ċesri; lanqas bħal meta David intlaqa’ fid-dar ta’ Sawl, avolja dil-mossa stmaha bħala preferenza u barka speċjali; lanqas qed ngħidu li ħallatna isimna mal-eroj u l-monarki potenti. Bil-medjazzjoni ta’ Ġesù, aħna magħmulin ulied Alla, subien u bniet! 

X’unur inkomparabbli! nerġa’ ngħid. Meta l-missjonarji Daniżi stazzjonati f’Malabar inkarigaw lil xi konvertiti biex jittraduċu katekiżmu, li fih kien dikjarat li l-fidili jsiru wlied Alla, wieħed mit-tradutturi tant inħasad illi telaq il-pinna minn idu, u esklama, “Iżżejjed hekk! Ħalluni naqlibha, ‘Ikollhom permess ibusu saqajh!’”

Kif nafu illi nħaddnu dit-tama li nkunu werrieta t’Alla? Nafu għax irrispondejna għall-bxara t-tajba. “Għax intom ilkoll ulied Alla bil-fidi fi Kristu Ġesù” (Galatin 3:26). Bil-fidi! Billi sempliċement nafdaw fih. Nisimgħu l-istorja dwaru, nemmnuha u nilqgħuha bħala vera, u bir-rieda tagħna mmorru għandu. 

Sempliċement bil-fidi, imbasta tkun fidi ġenwina fl-uniku Feddej. Għax “m’hemmx salvazzjoni f’xi ħadd ieħor, għax m’hemm ebda isem ieħor taħt is-sema mogħti fost il-bnedmin li bih jeħtieġ inkunu salvati” (Atti 4:12). Dit-tip ta’ fidi ma tistax tibqa’ mistura: biha nistqarru lil Kristu pubblikament, u biha wkoll l-andament ta’ ħajjitna jinbidel radikalment. Grad ta’ taqdis sinċier, peress li hu l-effett tar-riġenerazzjoni, hu sinjal ċert ta’ adozzjoni. Jaffordja argument qawwi illi dik il-persuna li bdiet tiġi mqaddsa hi attwalment wild adottat t’Alla. 

Talba: “Mulej Ġesù, o kieku kellna elf ilsien biex nirringrazzjawk talli ma tistħix tagħrafna bħala ħutek. Hi ħaġa inkredibbilment meraviljuża għalina illi issa aħna werrieta miegħek. Ifformana moralment biex inkunu lesti nbatu miegħek biex miegħek ukoll naslu għall-glorja eterna. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Il-Mogħdrija

“Imma issa intom imisskom tneħħu dawn il-ħwejjeġ kollha: ir-rabja, l-għadab, il-malizzja, l-ikkalunnjar u diskors oxxen minn ħalqkom. Tigdbux lil xulxin, ladarba nżajtu l-bniedem il-qadim bil-prattiċi ħżiena tiegħu, u lbistu l-ġdid, li qed jiġġedded fit-tagħrif veru skont l-immaġni ta’ min ħalqu - tiġdid fejn m’hemmx distinzjoni bejn Grieg u Lhudi, ċirkonċiżjoni u inċirkonċiżjoni, barbaru, Skita, ilsir jew liberu, iżda Kristu hu kollox u f’kulħadd. Mela, bħala l-magħżulin t’Alla, qaddisin u maħbubin, ilbsu sentimenti ta’ mogħdrija, benevolenza, umiltà, manswetudini u paċenzja” (Kolossin 3:8-12).  Il-beninnità hi l-ispirtu ta’ trattament favorevoli, jew il-prattika kostanti u abitwali ta’ azzjonijiet amikevoli u benevolenti. Hemm żewġ prinċipji ewlenin fil-kostituzzjoni umana, li jwettqu serriegħa bla waqfien għall-predominanza: l-egoiżmu u l-benevolenza, jew il-beninnità. L-egoiżmu jikkonċentra s-sentimenti, ix-xewqat u l-azzjonijiet kollha fuq il-promozzjoni tal-benesseri i...

Diskors Bid-Dehen

“La taħsibx kif tagħmel il-ħsara lil għajrek huwa u qiegħed jgħammar bla biża’ miegħek. La tiġġieled ma’ ħadd għalxejn, jekk ma għamillek l-ebda deni. Ħu offiż hu aktar iebes biex jintrebaħ minn belt qawwija, u l-ġlied bejn l-aħwa qisu staneg ta’ kastell. Aħjar tgħammar f’rokna ta’ setaħ milli ma’ mara ġellieda f’dar kbira.” (Proverbji 3:29-30; 18:19; 25:24).  Matul l-Assedju l-Kbir fl-1565, il-qawwiet Ottomani tħabtu u ssieltu biex jirbħu lil pajjiżna taħt idejhom. Għalkemm kienu ferm aktar numerużi minna, it-Torok iġġieldu għalxejn għal erba’ xhur sħaħ. Il-bliet Maltin, fortifikati bis-swar u balwardi godlija, kienu virtwalment inespjunabbli. Hekk ukoll hu diffiċli tirbaħ lura l-ħbiberija ta’ ħu offiż. Anzi, dal-proverbju jwissina li hu aktar diffiċli tirbaħ lura lil ħuk milli tegħleb belt qawwija. Ma naħsibx li dan inkiteb biex naqtgħu qalbna milli nfittxu rikonċiljazzjoni f’waqtha. Jekk wieħed jistaqsi, x’inhi r-rikonċiljazzjoni? Hi t-tieni ħbiberija. Dan jibqa’ dmir...