Skip to main content

Ġesù Juri Lil Alla

“F’dak iż-żmien Ġesù ddikjara, ‘Niżżik ħajr, Missier, Sid is-sema u l-art, għax ħbejt dawn il-ħwejjeġ mill-għorrief u l-intelliġenti, u rrivelajthom lit-tfal ċkejknin. Iva, Missier, għax hekk għoġbok. Kollox kien kommess lili minn Missieri. Ħadd ma jaf lill-Iben ħlief il-Missier, lanqas ħadd ma jaf lill-Missier ħlief l-Iben, u dak li lilu l-Iben, jekk irid, jirrivelahulu’” (Mattew 11:25-27).

Ħadd minna ma jista’ jkun jaf lill-Missier aktar milli jogħġob lill-Iben illi jiżvelahulna. Ninsabu dipendenti għalkollox fuq “id-dawl tad-dinja” biex mhux biss iqarribna lejn il-Missier iżda wkoll jurihulna. Lil Alla nikkonoxxuh biss fi Kristu; ix-xemx ma narawhiex ħlief bid-dawl tax-xemx. Fin-natura ta’ madwarna naraw lil Alla, biex ngħidu hekk, bħax-xemx fi stampa; fil-liġi, bħax-xemx wara sħaba; fi Kristu narawh fid-dija tiegħu, għax l-Iben hu l-leqqa tal-glorja tiegħu, u l-immaġni eżatta tal-persuna tiegħu. 

Issa lil Kristu nafuh permezz tal-Iskrittura. Il-ħajja eterna ma tinsabx fl-Iskrittura imma fi Kristu li dwaru tagħti xhieda b’diversi modi u b’bosta manjieri, bl-istorja, bit-tipoloġija, bil-profezija, bid-dottrina u l-bqija. L-Iskrittura hi biss strumentali biex niltaqgħu mas-Salvatur, Sidna. Hi l-benniena li fiha naraw lil Kristu.

Thomas Manton jgħid, “Fl-Iskritturi r-ruħ tiffriska b’xarba divina; imma fi Kristu hemm Alla nnifsu. Munita ġġib l-immaġni ta’ Ċesri, imma bin Ċesri hu x-xebh ħaj tiegħu. Kristu hu l-Bibbja ħajja.”

L-Iskrittura hi mfawra bi Kristu. Matul it-Testment il-Qadim jinsab hemm, biss pjuttost moħbi. Fil-Ġdid hu evidenti. 

Talba: “O Missier, fil-ħsieb tiegħek Ibnek hu preminenti, fil-pjan tiegħek hu ċentrali, għall-fidwa tagħna indispensabbli, u għall-feliċità tagħna essenzjali. Tridna narawh kullimkien. Kulfejn nixħtu ħarsitna tixtieqna nilmħu lis-Salvatur appuntat minnek stess. Ħa ngħożżu fi qlubna l-mandat tiegħek: ‘Dan hu Ibni l-Maħbub, li fih nitgħaxxaq. Isimgħu lilu.’ Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...