Skip to main content

Fidi li Topera bl-Imħabba

“Għal-libertà Kristu lliberana. Ieqfu sħiħ, mela, u terġgħux tkunu suġġetti għal madmad ta’ jasar. Ara! Jien, Pawlu, ngħidilkom illi jekk tkunu ċirkonċiżi, Kristu xejn affattu mhu se jiswielkom. Nerġa’ nafferma ’l kull biedem li jkun ċirkonċiż, illi hu obbligat iħares il-liġi kollha. Tinsabu maqtugħin minn Kristu, intom li qed tipprovaw tkunu ġġustifikati bil-liġi; waqajtu ’l barra mill-grazzja. Iżda aħna permezz tal-Ispirtu, bil-fidi, qed nistennew bil-ħeġġa l-ġustizzja li għaliha nittamaw. Għax fi Kristu Ġesù la ċ-ċirkonċiżjoni ma tgħodd xi ħaġa u lanqas l-inċirkonċiżjoni, iżda l-importanti hi l-fidi li topera permezz tal-imħabba” (Galatin 5:1-6).

Il-fidi ma tiddependix fuq kondizzjonijiet intellettwali. Nies bla skola u illiterati kapaċi jkunu għonja fil-fidi u werrieta tas-saltna daqs l-aqwa teologu. Aktarx, il-fidi tiddependi fuq l-orali, għax “il-fidi tiġi mis-smigħ tal-messaġġ, u s-smigħ permezz ta’ kelmet Kristu” (Rumani 10:17). 

Naturalment, l-illitterat m’għandux għalfejn jibqa’ illitterat; qatt m’aħna nipprovaw inkunu oskurantisti jew imqar nagħtu l-impressjoni li aħna anti-intellettwali. Il-fidi tħajjarna, anzi timbottana biex insiru studenti tal-Imgħallem tagħna f’kull sens u f’kull aspett. “Ħobb lill-Mulej Alla tiegħek…b’moħħok kollu!” 

La qed insemmu l-imħabba rridu naffermaw ukoll li l-fidi tnissel l-imħabba ġenwina. Infatti l-fidi topera biss bl-imħabba. Bħalma l-fidi mingħajr opri hi mejta, hekk l-opri tajba mhumiex aċċettabbli jekk mhumiex riżultat tal-fidi. Fi kliem ieħor, huma l-friegħi li jibqgħu fid-dielja l-vera illi jagħmlu l-frott, ċoè, f’unjoni mistika ma’ Kristu nitgħallmu nħobbu, b’sinċerità u mpenn. Bil-fidi tingħatalna viżjoni oħra. Nottienu vista korretta. 

Talba: “Bil-grazzja tiegħek aħna salvati, Mulej, permezz tal-fidi. Issa, maqbudin u mmansati għat-tmexxija tiegħek, ngħaddu minn qawwa għal qawwa. Bħat-tajra tal-passa, nemigraw minn hawn għal hinn. Bil-fidi għamiltna bħal dak l-għasfur li jħoss id-dawl riesaq u jzakzak imqar fil-krepuskolu. Glorja u tifħir lilek, Missier.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Il-Mogħdrija

“Imma issa intom imisskom tneħħu dawn il-ħwejjeġ kollha: ir-rabja, l-għadab, il-malizzja, l-ikkalunnjar u diskors oxxen minn ħalqkom. Tigdbux lil xulxin, ladarba nżajtu l-bniedem il-qadim bil-prattiċi ħżiena tiegħu, u lbistu l-ġdid, li qed jiġġedded fit-tagħrif veru skont l-immaġni ta’ min ħalqu - tiġdid fejn m’hemmx distinzjoni bejn Grieg u Lhudi, ċirkonċiżjoni u inċirkonċiżjoni, barbaru, Skita, ilsir jew liberu, iżda Kristu hu kollox u f’kulħadd. Mela, bħala l-magħżulin t’Alla, qaddisin u maħbubin, ilbsu sentimenti ta’ mogħdrija, benevolenza, umiltà, manswetudini u paċenzja” (Kolossin 3:8-12).  Il-beninnità hi l-ispirtu ta’ trattament favorevoli, jew il-prattika kostanti u abitwali ta’ azzjonijiet amikevoli u benevolenti. Hemm żewġ prinċipji ewlenin fil-kostituzzjoni umana, li jwettqu serriegħa bla waqfien għall-predominanza: l-egoiżmu u l-benevolenza, jew il-beninnità. L-egoiżmu jikkonċentra s-sentimenti, ix-xewqat u l-azzjonijiet kollha fuq il-promozzjoni tal-benesseri i...

Diskors Bid-Dehen

“La taħsibx kif tagħmel il-ħsara lil għajrek huwa u qiegħed jgħammar bla biża’ miegħek. La tiġġieled ma’ ħadd għalxejn, jekk ma għamillek l-ebda deni. Ħu offiż hu aktar iebes biex jintrebaħ minn belt qawwija, u l-ġlied bejn l-aħwa qisu staneg ta’ kastell. Aħjar tgħammar f’rokna ta’ setaħ milli ma’ mara ġellieda f’dar kbira.” (Proverbji 3:29-30; 18:19; 25:24).  Matul l-Assedju l-Kbir fl-1565, il-qawwiet Ottomani tħabtu u ssieltu biex jirbħu lil pajjiżna taħt idejhom. Għalkemm kienu ferm aktar numerużi minna, it-Torok iġġieldu għalxejn għal erba’ xhur sħaħ. Il-bliet Maltin, fortifikati bis-swar u balwardi godlija, kienu virtwalment inespjunabbli. Hekk ukoll hu diffiċli tirbaħ lura l-ħbiberija ta’ ħu offiż. Anzi, dal-proverbju jwissina li hu aktar diffiċli tirbaħ lura lil ħuk milli tegħleb belt qawwija. Ma naħsibx li dan inkiteb biex naqtgħu qalbna milli nfittxu rikonċiljazzjoni f’waqtha. Jekk wieħed jistaqsi, x’inhi r-rikonċiljazzjoni? Hi t-tieni ħbiberija. Dan jibqa’ dmir...