Skip to main content

Sa Fejn Twassal Imħabbtek?

“Aħna nafu illi għaddejna mill-mewt għall-ħajja, għax inħobbu lill-aħwa. Min ma jħobbx jibqa’ fil-mewt. Kull min jobgħod lil ħuh hu qattiel, u tafu illi ebda qattiel m’għandu l-ħajja eterna tgħammar fih. B’dan għarafna l-imħabba, għax Ġesù ċeda ħajtu għalina. U aħna jmissna nċedu ħajjitna għall-aħwa. Kull min għandu l-ġid tad-dinja, u jara ’l ħuh fil-bżonn u frattant ma jurih ebda mogħdrija, kif tista’ tgħammar l-imħabba t’Alla fih? Tfal ċkejknin, ħa ma nħobbux bid-diskors u lanqas bl-ilsien biss, iżda bl-azzjoni u fil-verità” (1 Ġwanni 3:14-18).

Sikwit nismagħha: “Alla jħobbok kif int!” Onestament ma togħġobnix, għax tgħid nofs storja. Teoloġija inkompluta jew inadegwata hija pożittivament perikoluża. Jien nikkoreġiha billi nissupplimentaha: “Alla jħobbok kif int, imma jħobbok wisq biex iħallik kif int!”

Alla ma jħobbnix għax niswa xi ħaġa; għall-kuntrarju, għandi valur għax Alla jħobbni. Fuq dan l-isfond nirrealizza aktar u aktar illi faċilment nagħti bla ma nħobb, imma impossibbli nħobb mingħajr ma nagħti. Meta jmissni xi ħadd minn warajja, itaptapli b’sebgħu fuq spallti, hi dejjem sorpriża – ġieli kien ħija, binti jew marti, xi ħabib. Xi ħadd jimportah minni. L-istess sensazzjoni nagħti lil ħaddieħor meta nħobbu; biss is-sebgħa ma jkunx tiegħi, imma tal-Ħallieq, għax l-imħabba hi derivata minnu, esklussivament. 

Il-mibegħda toqol oppressiv wisq; ma jaqbillix inġorrha fuqi. Il-mibegħda l-eħrex ġennata li nista’ nikkommetti. Meta nobgħod inkun qed nagħti n-nar lil dari biex neħles mill-wirdien. U l-agħar forma tal-mibegħda – għax l-aktar ħanja, b’ċiera innnoċenti – hija l-indifferenza. Faċli naqsam in-naħa l-oħra tat-triq, taparsi lill-miġruħ ma rajtux. Faċli nikkonvinċi lili nnifsi li għandi responsabbiltajiet urġenti, u allura ma jaqbillix nitbaxxa, jew inċappas idi bit-tgħallik tal-vittma. Inkun qed naġixxi bħalma aġixxew is-saċerdot u l-Levita; inkun għadni bogħod wisq milli nissejjaħ Samaritan tajjeb.

L-imħabba, mela, iġġiegħlek tinvolvi ruħek. Hekk għamel Alla magħna: ġabarna mill-qiegħ. Mhux biss tħassarna u ħalliena kif konna, iżda fejjaqna u jrid ukoll inaddafna – minn kull prattika dubjuża, minn kull nuqqas morali, minn kull dnub faħxi. 

Talba: “Bl-evanġelju tiegħek, Mulej Ġesù, urejtna illi d-dalma ma tkeċċix id-dalma; biss id-dawl jitturufnaha. Il-mibegħda ma teqridx il-mibegħda; biss l-imħabba tiegħek ixxejjinha. Il-mibegħda tipparalizza l-ħajja; l-imħabba tiegħek fina tirrilaxxjaha. Il-mibegħda tħawwad il-ħajja; l-imħabba tiegħek permezz tagħna tarmonizzaha. Il-mibegħda ddallam il-ħajja; l-imħabba divina tiegħek, imsarrfa f’imħabba umana, tilluminaha. Ikkonvinċina f’qalbna kemm dan hu tabilħaqq minnu, biex nindmu u nesprimu mħabbtek iżjed u iżjed, ma’ kulħadd, avolja ma ħaqqux, bħalma ma kienx ħaqqna l-maħfra tiegħek.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

O Alla, Inqimek u Nadurak

“Għaldaqstant, neħħu kull ħmieġ morali u ħażen tant prevalenti, u bil-manswetudini ilqgħu l-kelma mħawla fikom, li kapaċi ssalva erwieħkom. Imma siru għammiela tal-kelma, u mhux sempliċement semmiegħa, altrimenti tilludu lilkom infuskom. Għax jekk xi ħadd hu semmiegħ tal-kelma u mhux għammiel, dan donnu raġel li jikkonsidra l-wiċċ naturali tiegħu f’mera: appena ħares lejh innifsu, telaq, u malajr nesa liema speċi ta’ persuna kien. Imma min jittawwal b’attenzjoni fil-liġi perfetta, il-liġi tal-libertà, u jkompli fiha, mhux isir semmiegħ li jinsa iżda jpoġġiha fil-prattika, dan se jkun imbierek f’għemilu” (Ġakbu 1:21-25). Prijorità numru wieħed: nitgħallem insir qejjiem. “Adoro Te.” Hi ċentrali, u kollox suppost jirrivolvi magħha, bħalma l-pjaneti jduru max-xemx. Attwalment mhuwiex hekk. Għad hemm x’wieħed jaqdef. Sakemm nibqgħu naduraw xogħolna b’tant impenn, u naħdmu b’tant serjetà fil-logħob tagħna, il-probabbiltà tkun li nibqgħu nilagħbu fil-qima tagħna. Frattant Alla Tr...